Dan ir-raħal, li tista’ tgħid, qiegħed bogħod bosta minn kull raħal ieħor, huwa maqtugħ għalih u jgawdi arja u kwiet liema bħalhom. Ir-raħal huwa zgħir, imdawwar minn kullimkien bir-raba u l-ħdura li ma jaqtgħu xejn matul is-sena. Hemm ftit familji li joqogħdu taħt il-ħarsien ta’ dik il- knisja ħelwa, jgħixu bħala familja waħda, jgħinu lil xulxin fin-niket u l-ħtieġa għaliex iħossu li laladarba għadhom ftit nies, għandhom jgħixu flimkien.
Dan ir-raħal ckejken, li jidher sabih wisq mill-għoljiet ta’ Binġemma u ta’ Santi fuq naħa u l-Pellegrin fuq l-oħra li jdawruh, huwa l-għaxqa tat-turisti u ta’ kull min jarah. Fih ma tistenniex li għandek issib dik il-ħamba, dak il-moviment ta’ nies u dak iċ-ċaqlieq li tiltaqa’ miegħu fl-ibliet, iżda għandek issib, biex ngħidu hekk, dik il-ħaga li jeħtieg l-aktar il-bniedem biex jgħix hieni w ħajja twila – ħemda w kwiet li bihom il-moħħ jistrieħ u jistgħal.
Ma’ l-Mġarr jagħmlu dawn l-imkejjen pittoreski, li mhux ħafif issibhom hdejn l-ibliet, u dawn huma l-Mġarr ta’ Barra, l-Mġarr ta’ gewwa ( Fomm ir-Rih), l-Abatija, is-Santi, l-Iskorvit, il-Ġejna, Il-Bokka, Ta’ Tewma, Ta Żuba, il-Lippija, il-Ġnien ta’ Għajntuffieha, Ta’ Mrejnu, l-Isqolba, iż-Żebbiegħ, ta’ Binġemma u l–Ballut. Illum ħafna minn dawn l-irqajja m’għadhomx dawk l-imkejjen imbiegħda, maqtugħin minn kulħadd u li tibża’ tgħaddi minn dawk l-inħawi, inti li tkun barrani. Illum f’ bosta minn dawn saru vilel u bosta bini modern.
Għalkemm raħal ċkejken u bi ftit nies, fil-qedem kellu ċivilta’ kbira li kienet tgħamlu jieqaf ma’ dawk l-irħula l- kbar li isimhom kien magħruf mal-qassisin il-kbar u l-bassara ta’ l-oraklu. Biżżejjed insemmu t-Tempji ta Ħaġrat u ta’ Skorba biex ikollna ngħidu li l-Mġarr ma twelidx il-bieraħ iżda xi 6,000 sena ilu meta ebda belt Maltija ma kienet intħolmot biex tinbena. Dan mhux biżżejjed meta niftakru li kien imfittex fi żmien Neolitiku, fi żmien il-Lhud bħalma jixhdu l-għadd kbir ta oqbra f’ Bingemma u Vilel Rumani f’ Għajn Tuffieħa. Aħna jkollna naqblu ma’ dawn ta’ qabilna w ngħidu li l-Mġarr hu tabilħaqq il-lok fejn wieħed jistrieħ u jitgħaxxaq bl-għageb tan-natura li żejnitu bih.
Sa minn żmien bikri, l-Mġarr biddel bosta jdejn bħalma biddlu, tista’ tgħid, l-ibliet u rħula ta’ Malta kollha. Bħalma fil-bidu nsibu li Malta kollha kienet tiddependi mill-Kattidral u meta Mons. Demello sab għaxar knejjes benefikati bil-limiti tagħhom, hekk ukoll nsibu li kull raħal kellu ġurisdizzjoni fuq tant irħula oħra qribu. Għalhekk l-Mġarr fiż-żmien kien jagħmel mal-parroċċa ta’ l-Mdina, iżda żmien wara waqa’ f-idejn il-Mellieħa. Mill-Mellieħa mbagħad għadda għan-Naxxar.
F’dan iż-żmien fl-Mġarr ġa kien hemm żewġ knejjes. Dawn iż-żewġ knejjes għexu kważi żewġ sekli flimkien sakemm il-poplu ta’ l-Mġarr beda jikber u beda jħoss il-ħtieġa li hu wkoll għandu jkollu l-parroċċa tiegħu. Fuq talba lill-Isqof Pace, il-Knisja ta’ Santa Marija li ġa kien hemm fir-raħal saret parroċċa fit-12 ta’ Ottubru, 1898.
L-Mġarr hu mdawwar b’xaqliba minnhom bil-baħar kaħlani u l-kosta tagħha hi waħda mill-isbaħ, meta tħares lejn il-peninsula u d-daħliet li fih.
F’Malta hawn għaxar peninsuli, u sewwasew l-aħħar wahda hi dik iż-żgħira mdawra b’daħlet Għajn Tuffieħa u Port Bakkari, li x’uħud isejħulha tal-Qarraba. Din hija twila madwar 559 jarda, minn istmu wiesa’ bilkemm 100. Il-Ponta li tispiċċa biha din il-peninsula jgħidulha Ras Qarraba.
Wara l-peninsula tiġi daħlet il-baħar jew qala kif isejħulha bosta. L-ewwel ma nsibu hi Għajn Tuffieħa li tagħti lejn il-punent – tibda minn Ras Majesa għall-ponta tal-Qarraba b’fetħa ta’ ftit anqas minn mil fuq daħla ta’ nofs ieħor ġo l-art minn għaxart iqjiem ‘l isfel.
Insibu wkoll il-qala tal-Ġnejna għalkemm x’uħud isejħulha Port Bakkari jew ir-Ramla. Din tħares lejn il-Punent Majjistru – tibda’ bil-wisgħa ta’ 450 jarda, fuq daħla ta’ 400, bir-ramla l-oħra msejħa ta’ Bugharwien li tagħti fond minn sebat iqjiem ‘l isfel.
Fomm ir-rih hi daħla jew ramla quddiem il-majjistral. Din tiftaħ b’1,100 jarda fuq tul ta’ 900 ohra – b’fond li jagħti 15-il qasma bejn il-pont, 10 fin-nofs u 3 fix-xatt sakemm tispiċċa fix-xejn.
Kif Beda Ismu
Fuq isem dan ir-raħal qisna ma għandna xejn x’ingħidu ghaliex il-kelma weħidha turik xi tfisser.
Mġarr - hawn użata bħala nom proprju, iżda bħala nom komuni neħduha mill-etimoloġija tagħha tigi xi ħaga li ġie mġarr.
Issib min igħid li mġarr hu taħsira tal-kelma Maġira li aktarx tfisser ġirja. Għalkemm sibna dawn kollha li kważi kollha qalu l-istess insibu ieħor fejn qal li din il-kelma Għarbija li tfisser kenn.
Sakemm qalu li tfisser Mġarr ( passat ta’ ġġorr) nifhmuha u rridu naqblu , u antiki ma’ dak li tfisser kenn għaliex hi qala u fiha jistgħu jistkennu l-vapuri, imma ma narawx konnesjoni bejn Mġarr u ġirja.
Oħrajn jgħidu li Mġarr tfisser nixxigħat. Nixxiegħa tissejjaħ fis-singulari Maġra u Mġarr fil-plural, għalhekk Mġarr huwa isem ta’ għadd ta’ nixxigħat li naraw kullimkien fil-gżira.
Oħrajn jgħidu li Mġarr tfisser port. Din ta’ l-aħħar hi wisq probabbli minħabba l-Ġnejna (post li fih jinġarru x-xwieni). Fil-fatt jagħmel mal-Mġarr hawn post msejjaħ Mġarr ta’ Ġewwa - minħabba port ieħor żgħir ta’ Fomm ir-Riħ. Din probabbli għax ukoll il-Port ta’ Għawdex huwa wkoll msejjaħ l-Mġarr.
L-arma ta’ dan ir-raħal hi din; Skud ikħal maqsum fi tnejn b’faxxa fidda djagonali. F’ta’ fuq hemm M (nome di Maria) b’kuruna fuqha; t’isfel hemm stilla tal-fidda.
Il-Motto huwa dan “Ave Regina Coelorum” - (Sliem għalik Reġina tas-Sema).
Din l-arma kien ħażżiżha l-Kappillan Mons. Dun Edgar Salomone fl-1932 li tagħha kellu l-approvazzjoni ta’ l-Isqof. Billi dan ir-raħal bħal bosta rħula oħra ma kellux arma, bil-permess tal-Kappillan Dun Orazio Vella qed nużaw lilha biex hekk ikollu arma li tixraqlu tassew. U sewwasew l-għan ta’ Mons. Salomone kien li tintuża bħala arma, kif kiteb hu stess taħtha.
L-Mġarr jinsab 15.00Km bogħod mill- Belt.
Popolazzjoni
Dwar il-popolazzjoni ta’ dan ir-raħal nafu ftit wisq. Aħna għidna li għadda minn bosta jdejn, għalhekk ma seta’ qatt jingħadd għalih waħdu.
Fl-1901 kellu 745 ruħ u fl-1911 naraw li żdied u sar għandu 1067 ruħ. Għaxar snin wara laħaq l-għadd ta’ 1271 ruh. Fl-1961 tela’ l-għadd sabiħ ta 2277 ruh. Fl-1985 insibulu 2368 ruħ. Fl-2000 insibulu 2971 ruħ. Sa Marzu 2002 kellu 3068.
Siti Storici - Fortifikazzjonijiet
Fortifikazzjonijiet
It-Torri ta’ Fomm ir-Riħ – Dan it-Torri bnih il-Gran Mastru Lascaris fl-1645 u kellu jħarsuh zewġ kanuni. Fit-13 ta’ Jannar 1647, dan il-Gran Mastru ġabar il-Kunsill u wera’ x-xewqa tiegħu li jinbnew mal-plajja kollha tal-gżira torrijiet tant bogħod minn xulxin u jitħallsu mill-istess rħula. Il-Kunsill fiss laqa’ t-talba u saru fost l-oħrajn dawn it-torrijiet:-
It-Torri ta’ Għajn Tuffieħa – Il-Gran Mastru Lascaris ħass li x-xaqliba ta’ fuq kienet nieqsa wisq mit-tħaris ta’ l-għedewwa, l-iktar l-Mġarr u l-inħawi tiegħu li kien miftuħ wisq għal xi ħbit tas-sibbiena. Għalhekk fl-1647 bena dan it-torri u rmaħ bil-kanuni. Dan it-Torri hu magħruf bħala ta’ Blat il-Mogħża u fuqu hemm l-arma tal-Gran Mastru li bniħ.
It-Torri tal-Ġnejna jew tal-Lippija – Lejn dawn l-inħawi l-Ordni bniet fortifikazzjonijiet qawwija għaliex bħalma ġa għidna, it-Torok għajnejhom mitfuħin wisq fuqhom, l-aktar li kienu jafu li minbarra l-poplu li kien jgħammar hawn kellhom ukoll mnejn jigirfu l-flus. Għalhekk l-ewwel żbark li kien isir ma kienx jeħlisha ħafif.
Il-Gran Mastru De Redin fil-proġett kbir li kellu sabiex idawwar Malta bit-torrijiet ma ħalliex barra l-Mġarr li kien nieqes mid-difiża. Fl-1657 huwa bena wieħed fil-lok imsejjaħ “il-Gnejna” u armah b’ żewġ kanuni.
Forti Binġemma – Din il-Fortizza saret fl-1876 u tikkmanda kważi l-art kollha tal-punent ta’ Malta. Kont tidħol għaliha bil-pont bħall-fortizzi kollha antiki. Saret fi żmien il-Gvernatur Straubenzee u swiet madwar it-Lm8,000.